Il-Familja ta’ Alla fid-dar
Kemm nieħdu pjaċir meta fil-familja naħsbu f’xulxin u naħdmu għal xulxin.
Il-papà jmur għal-xogħol u jaqla’ l-flus biex bihom ngħixu lkoll flimkien.
Il-mamà ssajjar, taħsel u tagħmel ix-xogħol tad-dar għaliha, għall-papà u għalina.
Aħna nġibu ruħna tajjeb, ngħinu lill-mamà u naqdu lill-papà f’dak li jkollu bżonn.
Il-familja hi ħaġa sabiħa li tahielna Alla.
Meta Alla bagħat lil Ġesù fid-dinja riedu jitwieled u jikber ġo familja bħal tagħna.
San Ġużepp kien jagħmel ix-xogħol ta’ mastrudaxxa u kien jaqla’ l-flus biex jiekol hu, Ġesù u Marija.
Marija kienet tagħmel ix-xogħol tad-dar u taħseb f’Ġesù u f’San Ġużepp.
Ġesù trabba u kiber mal-ġenituri tiegħu, u mingħandhom tgħallem ħafna affarijiet sbieħ.
Kien iħobbhom, igħinhom u jobdihom.
Meta kiber Ġesù dejjem fittex li jġib il-ferħ lil xi familji li kien ikollhom xi dwejjaq.
Fit-tieġ ta’ Kana, biddel l-ilma f’inbid biex l-għarajjes jibqgħu ferħanin.
Fil-familja ta’ Ġajru, Ġesù ġab ferħ kbir meta qajjem mill-mewt lit-tifla tagħhom.
Lill-ħafna familji oħrajn Ġesù għamlilhom il-ġid meta fejqilhom lil min kellhom marid.
Ġesù jrid li fil-familja tagħna, aħna nħobbu ħafna lil xulxin.
Ma jridniex nissuppervjaw, nirrispondu u ninkwetaw lill-ġenituri tagħna.
Bħalu jridna nħobbuhom u nobduhom.
Ma’ ħutna Ġesù ma jridniex nippikaw u niġġieldu, iridna nilagħbu, ngħinu u nifirħu b’xulxin.
Il-familja hija tagħna lkoll. Aktar ma nkunu magħqudin bejnietna aktar ikollna lil Ġesù magħna.
Meta nġibu ruħna tajjeb fil-familja tagħna nkunu qegħdin nobdu r-raba’ kmandament li jgħidilna: “Agħti ġieh lil missierek u ommok.”
Top Related